St Georges BasilcaHello
Michael Grech Financial

os3

“Leħen il-Belt Victoria”… storja ta’ suċċess

Kull proġett għandu l-istorja tiegħu, u mingħajr din l-istorja m’hux dak li hu llum. Hekk Leħen il-Belt Victoria sar wieħed mill-aktar stazzjonijiet komunitarji popolari ta’ pajjiżna frott il-mixja ta’ suċċess li terraq sa mit-twaqqif tiegħu, miktuba mill-voluntiera kollha li ħadmu minn qalbhom fi ħdan dan l-istazzjon tal-parroċċa ta’ San Ġorġ.

Immorru lura lejn April 1999 meta, fid-dawl tal-festa li kienet ġejja f’Lulju ta’ wara, iż-żagħżugħ George Cremona ltaqa’ ma’ Mons. Ġużeppi Farrugia, dak iż-żmien arċipriet tal-parroċċa tagħna, u minn dik il-laqgħa informali ħarġet deċiżjoni: il-parroċċa saflaħħar kien ħa jkollha l-istazzjon komunitarju tagħha. Fil-laqgħa tal-Presbiterju Parrokkjali ta’ Mejju ta’ wara l-aħħar punt li tqajjem kien dan is-suġġeriment għal radju ġdid, li mill-ewwel intlaqa’ b’approvazzjoni unanima minn dawk preżenti.

F’dak ix-xahar stess saret l-ewwel laqgħa tal-kumitat li fiha ġiet imfassla l-ewwel skeda u saru diskussjonijiet fuq il-mod tekniku li għamilha possibbli li ssir l-ewwel xandira. Lejn l-aħħar ta’ Ġunju, waqt li kien qed jinbena l-istudjow temporanju fl-ewwel sular tad-Domus Curialis, beda l-ewwel xandir bi prova. F’dak iż-żmien kien intgħażel ukoll l-isem tar-radju tagħna, Leħen il-Belt Victoria, minn fost proposti oħra li tressqu. U hu isem li tassew joqgħodlu… Dun Effie Masini nħatar kap tal-programmi, filwaqt li Victor Attard kellu f’idejh il-kariga ta’ kap tat-tekniċi, mgħejjun minn Anton u Antoine Farrugia.

Fit-3 ta’ Lulju 1999, proprju ftit jiem qabel il-festa ta’ San Ġorġ, bdiet l-ewwel skeda ta’ xandir. Il-bidu kien sempliċi: programm speċjali li nfetaħ bid-diska Love can build a bridge u li matulu l-Kav. Joe M. Attard introduċa l-iskeda ta’ xandir u laqa’ lis-semmiegħa b’mod uffiċjali, fost il-ferħ ta’ tant kollegi u tal-parruċċani ta’ San Ġorġ.

Imbagħad bil-mod il-mod ir-radju beda jiftaħ f’diversi avvenimenti bħal f’Settembru, fil-Milied, fl-Għid u fil-jiem tal-festa f’Lulju. Partikularment kienu jsiru wkoll attivitajiet bħal fashion shows (fis-7 ta’ Ġunju) u anki ikliet f’għeluq l-iskeda tal-Milied, li għalihom kienu jattendu mijiet ta’ semmiegħa. Tibqa’ mfakkra wkoll id-diska Leħen Awguri – kliem ta’ Dun Effie Masini – li minn Milied għall-ieħor kienet toħloq ħafna briju. F’dik is-sena bdew isiru korsijiet għall-kollaboraturi, laqgħat mas-semmiegħa u evalwazzjonijiet tal-kumitat. Inkiteb ukoll l-innu ta’ l-istazzjon, kliem tal-Kav. Joe M. Attard u mużika ta’ Mariella Spiteri, li fih kantaw il-kollaburaturi kollha ta’ l-istazzjon, li kulma jmur bdew jikbru sew fin-numru u fil-ħeġġa.

Wara beda x-xogħol ta’ trasferiment ta’ l-apparat u ta’ l-istudjows għat-tielet sular ta’ l-istess dar fi Pjazza San Ġorġ, b’pawsa qasir ta’ ftit xhur fejn l-istudjow kien ġie trasferit għall-kamra l-qadima ta’ l-arkivju fiċ-ċentru parrokkjali ta’ San Ġorġ, sakemm tlestew l-istudjows il-ġodda fit-tielet sular tad-Dar Leħen il-Belt Victoria. Wara xi żmien dawn l-istudjows ġew attrezzati bil-kompjuters, flimkien ma’ għodda ġodda għax-xandir, sakemm bil-ħidma sfiqa ta’ Frank Schembri ġie ffaċċilitat l-aċċess għalihom permezz ta’ lift ġdid fil-bini. Applikajna għal liċenzja permanenti, liċenzja li tgħajjat li George Gauci, benefattur kbir ta’ dan l-istazzjon.

F’waħda mill-iskedi tal-bidu, u għal tul ta’ snin, Leħen il-Belt Victoria kull nhar ta’ Ħadd fl-istaġun tal-festi kien ixandar il-festi kollha bil-programm Festa Għawdxija, fejn inħolqu għall-ewwel darba links mill-ħafna knejjes parrokkjali ta’ Għawdex. Pass ieħor importanti kien meta bdejna nittrasmettu online fuq l-internet u anki kien hemm xi drabi li l-festa ta’ San Ġorġ kienet tidher dirett f’forma ta’ vidjow fuq l-internet, permezz tal-websajt ta’ l-istazzjon www.lbv104.com. Matul iż-żmien dawk kollha li kienu jixtiequ jirreklamaw ma’ dan l-istazzjon dejjem kienu jiżdiedu u llum għandna numru tajjeb ta’ reklami li mingħajrhom ma nkunux nistgħu naħdmu. Hawn wieħed ma jistax ma jroddx ħajr lill-ħafna benefatturi li jsostuna bl-għajnuna u l-appoġġ tagħhom, anki dak morali.

Sa llum il-ġurnata nistgħu ngħidu li dan l-istazzjon baqa’ ħaj tul dawn is-snin kollha, għalkemm ra ħafna bidliet u żviluppi. U allaħares m’hux hekk! Illum għandna sistema ta’ xandir regolari maqsuma fuq sena sħiħa, b’erba’ skedi sħaħ (Festa, Bidu Sena Soċjali (Settembru-Ottubru), Avvent-Milied, Randan-Għid) maqsuma bi skedi ridotti fejn, kif jagħmel ukoll bil-lejl, Leħen il-Belt Victoria jalterna fix-xandir max-xibka ta’ stazzjonijiet tal-Konferenza Episkopali Taljana in Blu. Bi ftehim ma’ dan l-istazzjon Leħen il-Belt Victoria għandu d-drittijiet kollha li jxandar l-appuntamenti tal-Papa b’kummentarju tiegħu.

Kif wieħed jista’ jieħu ħjiel mill-iskeda ta’ programmi li titqassam fid-djar mal-bullettin parrokkjali b’mod regolari, l-istazzjon tagħna hu f’kompetizzjoni sħiħa biex jipprovdi lis-semmiegħa bi programmi interessanti u dejjem innovattivi, li jkopru bosta suġġetti u l-interessi ta’ kulħadd, imma li fuq kollox jibqgħu fidili lejn l-għan u s-sejħa li għandu dan l-istazzjon: li jkun leħen Kristjan tal-parroċċa ta’ San Ġorġ fil-belt Victoria. Wieħed jinnota l-permanenza ta’ programmi qodma li kienu popolari mill-bidu u baqgħa sa llum, flimkien ma’ oħrajn ġodda li qed jagħmlu l-iskeda ta’ l-istazzjon waħda dejjem iżjed friska u attraenti. Dan ifisser ukoll li, bħal dejjem, biex jibqa’ “leħen” attwali r-radju tagħna jeħtieġ preżentaturi żgħażagħ u anki tekniċi ġodda. Kif għamel fil-passat – u dan jixhdu għalih il-fatti – Leħen il-Belt Victoria jrid ikompli jkun bejta fejn it-talenti ta’ ħafna miż-żgħażagħ tagħna jiġu apprezzati u kkultivati.

Imma fl-aħħar mill-aħħar kull kollaboratur għen u qed jgħin biex jinkitbu l-paġni tad-deheb ta’ Leħen il-Belt Victoria fl-istorja ta’ beltna u tal-parroċċa tagħna, kif qed jagħmel kull semmiegħ li meta jiftaħ ir-radju tad-dar ifittex bla tnikkir il-frekwenza 104.00Mhz FM Stereo. Ta’ din l-istorja ta’ suċċess… grazzi mill-qalb!














Victoria Local Council

ta lorjenti

Vajringa Super Market

 
ŠLEĦEN IL-BELT VICTORIA Designed and Hosted by OS3