|
Messaġġ
mill-Arċipriet
Nixtieq insellem
lill-kollaboraturi kollha ta’ l-istazzjon
Leħen il-Belt Victoria u lilkom
ilkoll is-semmiegħa tagħna, kemm
dawk li jisimgħuna minn fuq
ir-radju u kemm dawk li jsegwuna
mill-internet. Merħba bikom
ilkoll u grazzi. Għadna bżonn ta’
xulxin…
Permezz tar-radju Leħen il-Belt
Victoria l-komunità ta’ San Ġorġ
twassal il-leħen tagħha lilkom
ilkoll ħalli titgħallmu tagħrfu
aħjar lil Kristu, waqt li
tisimgħu l-Kelma tal-Papa u ta’
l-Isqof tagħna, biex hekk
inħobbu l-Knisja u l-komunità li
tagħha aħna membri. Dan jgħodd
kemm għal min jgħix fuq il-gżira
tagħna u kemm għal dawk li
jgħixu barra minn Malta.
Kif jgħallimna l-papa Benedittu
XVI il-ħajja Kristjana mibnija
fuq il-Vanġelu m’hijiex biss
“għarfien ta’ ħwejjeġ li jistgħu
jiġu mifhuma, imma hi aħbar li
twassal għall-għemil u tibdel
il-ħajja” (Spe salvi 2).

Permezz tar-radju l-parroċċa
ddaħħal ħafna individwi
f’relazzjoni ma’ xulxin, b’ħafna
modi, speċjalment permezz
tal-kelma… il-kelma li b’xi mod
hi maħluqa fuq is-sura u x-xbieha
tal-“Verb” etern ta’ Alla, li
fih kollox ġie maħluq b’mod
ħieles u fl-imħabba. Dan il-Verb
ma baqax waħdu iżda “sar bniedem
u għammar fostna” (Ġw 1:14), u
fl-imħabba tiegħu, murija u
mogħtija lilna fi Kristu,
jistieden lill-bnedmin jidħlu
f’relazzjoni miegħu u bejniethom
b’mod ġdid.
Ejjew insostnu r-radju tagħna,
ħalli nkunu kapaċi nwieġbu
għall-eżortazzjoni ta’ San Pawl:
“Xandar il-Kelma, insisti
f’waqtu u barra minn waqtu” (2
Tim 4:2), u nwettqu l-missjoni
fdata lilna minn Kristu: li
nxandru lill-ġnus kollha l-Bxara
t-Tajba (ara Mt 28:19). Dan ix-xogħol
li jitlob paċenzja hekk kbira,
jum wara l-ieħor, siegħa wara l-oħra,
hu l-mod li bih aħna nissieħbu
fil-missjoni appostolika
tal-Knisja.
Nitolbu l-interċessjoni
tal-patrun u ħarries tagħna, San
Ġorġ, f’din il-missjoni hekk
kbira.
Grazzi mill-qalb lill-kollaboraturi
ta’ Leħen il-Belt Victoria. U
grazzi lilkom li ssegwuna b’tant
fedeltà.
Il-Mulej iberikkom ilkoll.
Mons. Pawlu Cardona
Arċipriet
Email:
cardonapaul@gmail.com
|